Il-President tal-PE Jerzy Buzek f'Malta
Il-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek illum beda żjara uffiċjali ta' jumejn f'Malta. Il-President Buzek ntlaqa' f'Malta mill-iSpeaker tal-Parlament Malti Michael Frendo. Mal-wasla tiegħu f'Malta, Buzek żar lill-President tar-Repubblika George Abela, eżatt qabel indirizza lill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Malti.
Buzek qal waqt laqgħa kordjali li l-iSpeaker Malti kien ta kontribut lejn l-integrazzjoni Ewropea fis-sehem tiegħu fid-dibattitu dwar il-Kostituzzjoni Ewropea. Buzek innota li fl-2003, Frendo kien l-ewwel Malti li tkellem fil-Parlament Ewropew meta Malta kienet għadha ma kellhiex Membri tal-Parlament Ewropew.
Il-President Buzek xebbah lill-Unjoni Ewropa ma' mużajk fejn kull biċċa hija differenti iżda li lkoll għandhom valur uniku fl-istampa sħiħa. Huwa saħaq dwar il-bżonn ta' iżjed koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.
Waqt il-laqgħa mal-Kumitat tal-Affarijet Barranin, li għaliha attendew għadd ta' Membri Parlamentari Maltin kif ukoll il-Membri tal-Parlament Ewropew Maltin, Buzek wieġeb għadd ta' mistoqsijiet u kummenti, fosthom dwar is-sehem ta' Malta bħala Stat Membru tal-UE fil-Mediterran, is-sitt siġġu ta' Malta fil-Parlament Ewropew u l-miri UE2020 u kif l-UE tista' tilħaqhom.
Iċ-chairman tal-Kumitat Francis Zammit Dimech qal li l-Kumitat kien impenjat li jsegwi l-leġislazzjoni Ewropea u jagħti sehemu bis-sħiħ, filwaqt li rringrazzja lill-President Buzek tal-importanza li kien qed jagħti lill-parlamenti nazzjonali. Filgħaxija, il-President tal-Parlament Ewropew indirizza lill-Kamra tar-Rappreżentanti ta' Malta fejn tkellem dwar il-kriżi ekonomika, is-sitt siġġu ta' Malta fil-Parlament Ewropew u l-immigrazzjoni illegali.
"Huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija li qiegħed hawn nindirizzakom meta l-Parlament Malti qed jiċċelebra d-90 anniversarju mit-twaqqif tal-ewwel assemblea parlamentari fl-1921," qal il-President Buzek.
Id-diskors ta' Buzek fil-parlament Malti iffoka wkoll fuq il-ħidma sinjifikanti tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin. Hu qal li dawn mhux biss qed jirrappreżentaw tajjeb l-interessi ta' Malta fil-Parlament Ewropew iżda qed jagħtu kontribut siewi fil-politika Ewropea.
"Għandna bżonnkom, speċjalment fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran. Intom tifhmu aktar minn ħaddiehor is-sitwazzjoni f'dan il-pajjiż ġar tagħkom," qal Buzek. F'interventi separati, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat tkellmu fuq l-importanza li Malta tikseb is-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew mill-iktar fis.
Il-kelliema qalu li l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa għandhom jiġu megħluba b'mod kollettiv.
Fl-għeluq, l-iSpeaker Michael Frendo tenna l-impenn tal-Parlament Malti li jieħu sehem attiv fil-laqgħat interparlamentari u jkun attiv kemm jiflaħ fil-legislazzjoni Ewropea.



















