L-atleti Maltin għandu jkollhom l-opportunità li jivvutaw fl-Elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju
16.01.2009
L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta qed iħeġġeġ lill-Kummissjoni Elettorali biex issib soluzzjoni sodisfaċenti sabiex l-alteti Maltin li mhux se jkunu f'Malta dakinhar tal-Elezzjonijiet Ewropej fis-6 ta' Ġunju 2009 jkunu xorta jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom.
Il-Kumitat Olimpiku Malti ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Elettorali, li torganizza l-Elezzjonijiet Ewropej f' Malta, li grupp ta' madwar 120 atleta Malti se jkunu qed jieħdu sehem fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar f'Ċipru fl-istess żmien u għalhekk mhux se jkunu jistgħu ikunu Malta biex jivvutaw.
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar huwa ppjanat li jsir fl-ewwel ġimgħa ta' Ġunju u se jaħbat eżatt mal-Elezzjonijet Ewropej li se jsiru fis-27 pajjiż membru tal-UE bejn l-4 u s-7 ta' Ġunju 2009.
Julian Vassallo, Kap ta' l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta, qal li l-Parlament Ewropew irid iħeġġeġ kemm jista' liċ-ċittadini Ewropej biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin.
Il-Parlament Ewropew, għalhekk, qed isostni il-petizzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti u qed jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Elettorali biex issib soluzzjoni.
"Il-Kumitat Olimpiku Malti għandu raġun li jinsisti li l-isportivi Maltin m'għandhomx jissagrifikaw id-drittijiet politiċi tagħhom bħala ċittadini Ewropej meta jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżhom f' pajjiż iehor membru tal-UE," qal Dr Vassallo.
Huwa żied li din il-kwistjoni tqajjem il-mistoqsija dwar jekk wieħed għadux jista' jiġġustifika l-possibilitajiet limitati li l-Maltin għandhom biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fi żmien meta l-pajjiż, li ghandu tant għal qalbu l-avvanz fit-teknoloġija tal-informatika, jista' joffri soluzzjonijiet biex wieħed jivvota permezz ta' din it-teknoloġija bis-sigurtà kollha li hemm bżonn.





















Niżżel l-Istqarrija għall-Istampa sħiħa (369KB)