Merħba fil-Parlament Ewropew - Uffiċċju f´Malta
Għażiż viżitatur,
Ċittadini Maltin huma mdorrija jikkomunikaw mal-Membri Parlamentari nazzjonali tagħhom b'mod faċli għaliex jgħixu u jaħdmu fil-qrib tagħhom.
Id-distanza bejn Malta , Brussell u Strasburgu kif ukoll il-kumplessita' tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-kuntatt mal-Parlament Ewropew u l-membri fi ħdanu kemm xejn aktar diffiċli.
Huwa propju hawnhekk fejn jidħol ir-rwol ewlieni ta' l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f´Malta. L-informazzjoni li nqassmu, l-attivitajiet li norganizzaw u d-dibattiti li noħolqu huma ntiżi sabiex inaqqsu d-distanza bejn il-Maltin u l-Parlament Ewropew. Nippruvaw nwettqu dan ukoll permezz ta' numru sostanzjali ta' ġurnalisti u studenti li jintbgħatu fuq il-post fi Brussel u Strasburgu biex jifhmu aħjar l-operat ta' l-istituzzjoni. Il-holqien ta' dibattiti, attivitajiet pubbliċi, djalogi mal-pubbliku, programmi fuq mezzi tax-xandir kif ukoll dan is-sit, huma mezzi oħra kif nippruvaw innaqqsu din id-distanza.
Ir-rata ta' votazzjoni f'Malta waqt l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2009 laħqet it-80 fil-mija - l-għola rata fil-pajjiżi membri fejn il-votazzjoni m'hijiex obbligatorja.
Ilkoll ivvutajna għaliex il-liġijiet u d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom impatt dirett fuq hajjitna. Dawk il-poteri jagħtu lilna ċ-ċittadini dritt demokratiku li nkunu mgħarrfa b'dak li qiegħed jiġi deċiż f'isimna. L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta u dan is-sit huma parti mill-isforz biex ikun żgurat li dan id-dritt ikun eżerċitat.





















